search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: '   meta' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index    meta:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas    meta:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 2166

 

Artikolu 4

"Sempliċi conduit"

1.   meta jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, jew fl-għoti ta' aċċess għal network tal-komunikazzjoni, il-fornitur tas-servizz ma għandux ikun responsabbli għall-informazzjoni trażmessa jew aċċessata, diment li l-fornitur:

(a)

ma jkunx beda t-trażmissjoni;

(b)

ma jkunx għażel ir-riċevitur tat-trażmissjoni; u

(c)

ma jkunx għażel jew immodifika l-informazzjoni li hemm fit-trażmissjoni.

2.   L-atti tat-trażmissjoni u tal-għoti tal-aċċess imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu l-ħażna awtomatika, intermedjarja u tranżitorja tal-informazzjoni trażmessa, diment li din issir għall-uniku fini li titwettaq it-trażmissjoni fin-network tal-komunikazzjoni, u diment li l-informazzjoni ma tkunx maħżuna għal perjodu itwal milli raġonevolment ikun meħtieġ għat-trażmissjoni.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, f'konformità ma’ sistema legali ta’ Stat Membru, teżiġi li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur.

Artikolu 5

‘Caching’

1.   meta jkun ipprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, il-fornitur tas-servizz ma għandux ikun responsabbli għall-ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta' dik l-informazzjoni, imwettqa biss għall-uniku fini li tagħmel aktar effiċjenti jew sigura aktar t-trażmissjoni 'l quddiem tal-informazzjoni lil riċevituri oħra tas-servizz meta jitolbuha, diment li l-fornitur:

(a)

ma jimmodifikax l-informazzjoni;

(b)

jikkonforma mal-kondizzjonijiet dwar l-aċċess għall-informazzjoni;

(c)

jikkonforma mar-regoli rigward l-aġġornament tal-informazzjoni, speċifikati b'mod rikonoxxut u użat b'mod estensiv mill-industrija;

(d)

ma jinterferixxix mal-użu leġittimu tat-teknoloġija, rikonoxxuta u użata b'mod estensiv mill-industrija, biex tinkiseb data dwar l-użu tal-informazzjoni; u

(e)

jaġixxi malajr biex ineħħi jew iwaqqaf aċċess għall-informazzjoni li jkun ħażen malli jikseb għarfien effettiv tal-fatt li l-informazzjoni fis-sors inizjali tat-trażmissjoni tneħħiet min-network, jew l-aċċess għaliha jkun ġie diżattivat, jew li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tkun ordnat dik it-tneħħija jew id-diżattivazzjoni.

2.   Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, f'konformità mas-sistemi legali tal-Istati Membri, jeżiġu li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur.

Artikolu 6

Hosting

1.   meta jkun ipprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fil-ħażna ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, il-fornitur tas-servizz ma għandux ikun responsabbli għall-informazzjoni maħżuna li tintalab minn riċevitur tas-servizz, diment li:

(a)

ma jkunx kiseb għarfien effettiv ta' attività illegali jew kontenut illegali u, fir-rigward ta' talba għad-danni, ma jkollux konoxxenza ta' fatti jew ċirkostanzi li minnhom ikunu apparenti l-attività illegali jew il-kontenut illegali; jew

(b)

malli jikseb dawn l-għarfien jew il-konoxxenza, jaġixxi malajr biex ineħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għall-kontenut illegali.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika meta r-riċevitur tas-servizz ikun jaġixxi bl-awtorità jew bil-kontroll tal-fornitur.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fir-rigward tar-responsabbiltà skont il-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ta' pjattaformi online li jippermettu li l-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti, meta din il-pjattaforma online tippreżenta l-oġġett speċifiku tal-informazzjoni jew inkella tippermetti t-tranżazzjoni speċifika inkwistjoni b'mod li twassal lil konsumatur medju biex jemmen li l-informazzjoni, jew il-prodott jew is-servizz li huwa l-oġġett tat-tranżazzjoni, hija pprovduta mill-pjattaforma online nnifisha jew minn riċevitur tas-servizz li jkun qed jaġixxi taħt l-awtorità jew il-kontroll tagħha.

4.   Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, f'konformità mas-sistemi legali tal-Istati Membri, teżiġi li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur.

Artikolu 14

Termini u kondizzjonijiet

1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinkludu informazzjoni, fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, dwar kull restrizzjoni li jimponu b'rabta mal-użu tas-servizz tagħhom fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar kull prassi, proċedura, miżura u għodda li tintuża għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inkluż it-teħid algoritikmu tad-deċiżjonijiet u r-rieżami mill-bniedem, kif ukoll ir-regoli ta' proċedura tas-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti. Din għandha tiġi ppreżentata b'lingwaġġ ċar, sempliċi, li jinftiehem, faċli u mhux ambigwu u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku f'format aċċessibbli faċilment u li jinqara mill-magni.

2.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevituri tas-servizz bi kwalunkwe bidla sinifikanti fit-termini u l-kondizzjonijiet.

3.   meta servizz intermedjarju jkun primarjament immirat lejn il-minorenni jew jintuża l-aktar minnhom, il-fornitur ta' dak is-servizz intermedjarju għandu jispjega l-kondizzjonijiet għal, u kwalunkwe restrizzjoniji fuq, l-użu tas-servizz b'mod li jinftiehem mill-minorenni.

4.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jaġixxu b'mod diliġenti, oġġettiv u proporzjonat fl-applikazzjoni u fl-infurzar tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, b'kunsiderazzjoni xierqa għal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni, għad-drittijiet u għall-interessi leġittimi tal-partijiet kollha involuti, inklużi d-drittijiet fundamentali tar-riċevituri tas-servizz, bħal-libertà tal-espressjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll drittijiet u libertajiet fundamentali oħra kif minqux fil-Karta.

5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizzi sommarju konċiż, faċilment aċċessibbli u li jinqara mill-magni tat-termini u l-kundizzjonijiet, inklużi r-rimedji u l-mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli, b'lingwaġġ ċar u mhux ambigwu.

6.   Pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna fit-tifsira tal-Artikolu 33 għandhom jippubblikaw it-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom bil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri kollha fejn joffru s-servizzi tagħhom.

Artikolu 16

Mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi biex bihom individwu jew entità tkun tista' tinnotifikahom bil-preżenza fis-servizz tagħhom ta' elementi speċifiċi ta' informazzjoni li l-individwu jew l-entità tqishom bħala kontenut illegali. Dawk il-mekkaniżmi għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u jkunu faċli biex jintużaw, u għandhom jkunu jippermettu s-sottomissjoni ta' avviżi esklussivament b'mezzi elettroniċi.

2.   Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu tali li jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' avviżi preċiżi biżżejjed u sostanzjati kif xieraq. Għal dak il-għan, il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' avviżi li jkun fihom l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

spjegazzjoni sostanzjata biżżejjed tar-raġunijiet għalfejn l-individwu jew l-entità tallega li l-informazzjoni inkwistjoni hija kontenut illegali;

(b)

indikazzjoni ċara tal-post elettroniku eżatt ta' dik l-informazzjoni, pereżempju l-URL jew il-URLs eżatti u, meta meħtieġ, informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-kontenut illegali kif adattat għat-tip ta' kontenut u għat-tip speċifiku ta' servizz ta' hosting;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-email tal-individwu jew tal-entità li tissottometti l-avviż, għajr meta l-informazzjoni tkun meqjusa li tinvolvi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2011/93/UE;

(d)

dikjarazzjoni li tikkonferma t-twemmin bona fide tal-individwu jew tal-entità li tissottometti l-avviż li l-informazzjoni u l-allegazzjonijiet li hemm fih huma preċiżi u kompluti.

3.   Avviżi msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jitqiesu li jwasslu għal għarfien jew konoxxenza effettivi għall-finijiet tal-Artikolu 6 dwar l-oġġett speċifiku tal-informazzjoni kkonċernat meta jippermettu lil fornitur ta' servizzi ta' hosting diliġenti jidentifika l-illegalità tal-attività jew l-informazzjoni rilevanti mingħajr eżami legali dettaljat.

4.   meta l-avviż ikun fih l-informazzjoni ta' kuntatt elettronika tal-individwu jew tal-entità li jkunu ssottomettewh, il-fornitur ta' servizzi ta' hosting għandu jibgħat, mingħajr dewmien żejjed, konferma tal-wasla tal-avviż lil dak l-individwu jew l-entità.

5.   Il-fornitur għandu wkoll, mingħajr dewmien żejjed, javża lil dak l-individwu jew l-entità bid-deċiżjoni tiegħu rigward l-informazzjoni li l-avviż jirrelata magħha, u jipprovdi informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' rimedju rigward dik id-deċiżjoni.

6.   Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jipproċessaw kull avviż li jirċievu bil-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 u jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom rigward l-informazzjoni relatata mal-avviżi, fil-ħin, b'mod diliġenti, mhux arbitrarju u oġġettiv. Meta jużaw mezzi awtomatizzati għal dak l-ipproċessar jew it-teħid tad-deċiżjonijiet, dawn għandhom jinkludu informazzjoni dwar dan l-użu fl-avviż imsemmi fil-paragrafu 5.

Artikolu 18

Notifika ta' suspetti ta' reati kriminali

1.   meta fornitur ta' servizzi ta' hosting isir jaf b'xi informazzjoni li twassal għal suspett li jkun seħħ, li qed iseħħ jew li aktarx se jseħħ reat kriminali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sikurezza ta' persuna jew persuni, dan għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri kkonċernati bis-suspett tiegħu u jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli.

2.   meta l-fornitur ta' servizzi ta' hosting ma jkunx jista' jidentifika b'ċertezza raġonevoli l-Istat Membru kkonċernat, dan għandu jinforma lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit jew fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu jew jinforma lill-Europol, jew lit-tnejn.

Għall-fini ta' dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun l-Istat Membru li fih huwa suspettat li jkun seħħ, li qed iseħħ jew li aktarx se jseħħ ir-reat, jew l-Istat Membru fejn jirrisjedi jew jinsab is-suspettat awtur tar-reat, jew l-Istat Membru fejn tirrisjedi jew tinsab il-vittma tas-suspettat reat.

TAQSIMA 3

Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

Artikolu 22

Sinjalaturi fdati

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-avviżi sottomessi minn sinjalaturi fdati, li jaġixxu fil-qasam deżinjat tal-għarfien espert tagħhom, permezz ta’ mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, jingħataw prijorità u jiġu pproċessati u deċiżi mingħajr dewmien żejjed.

2.   L-istatus ta' sinjalaturi fdati skont dan ir-Regolament għandu jingħata, wara applikazzjoni minn kwalunkwe entità, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-applikant, lil applikant li jkun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikollu għarfien espert u kompetenza partikolari għall-finijiet tad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-avviż ta' kontenut illegali;

(b)

ikun indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta' pjattaformi online;

(c)

ikun iwettaq l-attivitajiet tiegħu għall-finijiet ta' sottomissjoni tal-avviżi fil-ħin, b'mod diliġenti, preċiż u oġġettiv.

3.   Is-sinjalaturi fdati għandhom jippubblikaw, mill-inqas darba fis-sena, rapporti dettaljati li jinftiehmu faċilment dwar avviżi sottomessi skont l-Artikolu 16 matul il-perjodu rilevanti. Ir-rapport għandu jelenka mill-inqas l-għadd ta' avviżi kkategorizzati skont:

(a)

l-identità tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting,

(b)

it-tip ta' kontenut allegatament illegali nnotifikat,

(c)

l-azzjoni meħuda mill-fornitur.

Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu spjegazzjoni tal-proċeduri fis-seħħ biex jiġi żgurat li s-sinjalatur fdat iżomm l-indipendenza tiegħu.

Is-sinjalaturi fdati għandhom jibagħtu dawk ir-rapporti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun tahom l-istatus u għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mis-sinjalaturi fdati. L-informazzjoni f'dawk ir-rapporti ma għandhiex tinkludi data personali.

4.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord l-ismijiet, l-indirizzi u l-indirizzi tal-email tal-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' sinjalatur fdat f'konformità mal-paragrafu 2 jew li jkunu ssospendew l-istatus ta’ sinjalatur fdat f’konformità mal-paragrafu 6 jew irrevokawh skont il-paragrafu 7.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 f'bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku, b'format aċċessibbli faċilment u li jinqara mill-magni, u għandha żżommha aġġornata.

6.   meta fornitur ta' pjattaformi online jkollu informazzjoni li tindika li sinjalatur fdat issottometta għadd sinifikanti ta' avviżi mhux preċiżi biżżejjed, ineżatti jew mhux sostanzjati kif xieraq bil-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, inkluż informazzjoni miġbura b'rabta mal-ipproċessar tal-ilmenti permezz tas-sistemi interni għat-trattament tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 20(4), dan għandu jikkomunika dik l-informazzjoni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lill-entità kkonċernata, filwaqt li jipprovdi l-ispjegazzjonijiet u d-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa. Malli jirċievi l-informazzjoni mingħand il-fornitur ta' pjattaformi online u jekk il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jqis li hemm raġunijiet leġittimi biex tinfetaħ investigazzjoni, l-istatus ta' sinjalatur fdat għandu jiġi sospiż matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dik l-investigazzjoni għandha ssir mingħajr dewmien żejjed.

7.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lil entità għandu jirrevoka dak l-istatus jekk jiddetermina, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni riċevuta mingħand partijiet terzi, inkluża informazzjoni pprovduta minn fornitur ta' pjattaformi online skont il-paragrafu 6, li l-entità ma għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2. Qabel jirrevoka dak l-istatus, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lill-entità biex tirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka l-istatus tal-entità bħala sinjalatur fdat.

8.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha, fejn meħtieġ, toħroġ linji gwida biex tassisti lill-fornituri ta' pjattaformi online u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 6 u 7.

Artikolu 23

Miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, il-forniment tas-servizzi tagħhom lir-riċevituri tas-servizz li spiss jipprovdu kontenut manifestament illegali.

2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, l-ipproċessar ta' avviżi u lmenti sottomessi bil-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni u bis-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti msemmija fl-Artikoli 16 u 20, rispettivament, minn individwi jew entitajiet jew minn ilmentaturi li spiss jissottomettu avviżi jew ilmenti li jkunu manifestament infondati.

3.   meta jiddeċiedu dwar is-sospensjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jivvalutaw, abbażi ta' każ b'każ u fil-ħin, b'mod diliġenti u b'mod oġġettiv, jekk ir-riċevitur tas-servizz, l-individwu, l-entità jew l-ilmentatur hux involut fl-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li jitqiesu l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha li jirriżultaw mill-informazzjoni disponibbli għall-fornitur ta’ pjattaformi online. Dawk iċ-ċirkostanzi għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-għadd assolut ta' elementi ta' kontenut manifestament illegali jew avviżi jew ilmenti manifestament infondati, sottomessi f'perjodu partikolari;

(b)

il-proporzjon relattiv tagħhom f'relazzjoni mal-għadd totali ta' elementi ta' informazzjoni pprovduti jew avviżi sottomessi f'perjodu partikolari;

(c)

il-gravità tal-użu ħażin, inkluż in-natura tal-kontenut illegali, u tal-konsegwenzi tiegħu;

(d)

meta tkun tista' tiġi identifikata, l-intenzjoni tar-riċevitur tas-servizz, tal-individwu, tal-entità jew tal-ilmentatur.

4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jistabbilixxu, b'mod ċar u dettaljat, fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, il-prassi tagħhom fir-rigward tal-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, u għandhom jagħtu eżempji tal-fatti u ċ-ċirkostanzi li jqisu meta jivvalutaw jekk ċerta mġiba tikkostitwixxix użu ħażin u t-tul ta' żmien tas-sospensjoni.

Artikolu 24

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri ta’ pjattaformi online

1.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jinkludu, fir-rapporti msemmija f'dak l-Artikolu, informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

l-għadd ta' tilwimiet sottomessi lill-korpi għas-soluzzjoni barra mill-qorti għat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 21, l-eżiti tas-soluzzjoni għat-tilwim, iż-żmien medjan meħtieġ għat-tlestija tal-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, kif ukoll il-proporzjon ta' tilwimiet fejn il-pjattaforma tkun implimentat id-deċiżjonijiet tal-korp;

(b)

l-għadd ta' sospensjonijiet imposti skont l-Artikolu 23, li jiddistingwu bejn sospensjonijiet promulgati għall-forniment ta' kontenut manifestament illegali, is-sottomissjoni ta' avviżi manifestament infondati u s-sottomissjoni ta' lmenti manifestament infondati;

2.   Sas-17 ta’ Frar 2023 u mill-inqas darba kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem, il-fornituri għandhom jippubblikaw għal kull pjattaforma online jew magna tat-tiftix online, f'taqsima tal-interfaċċa online tagħhom disponibbli għall-pubbliku, informazzjoni dwar ir-riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, ikkalkulata bħala medja matul il-perjodu tal-aħħar sitt xhur u, f'konformità mal-metodoloġija stipulata fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 33(3), fejn dawk l-atti delegati ġew adottati.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online għandhom jikkomunikaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom u mingħajr dewmien żejjed, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, aġġornata sal-mument ta' din it-talba. Dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-fornitur ta’ pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online jipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward il-kalkolu msemmi f'dak il-paragrafu, inklużi spjegazzjonijiet u sostanzjar fir-rigward tad-data użata. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tinkludi data personali.

4.   meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jkollu raġunijiet biex jikkunsidra, abbażi tal-informazzjoni li tkun waslitlu skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, li fornitur ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online jissodisfa l-livell limitu ta' riċevituri medji attivi fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 33(1), għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.

5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jippreżentaw lill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) sabiex jiġu inklużi f'bażi ta' data aċċessibbli pubblikament u ġestita mill-Kummissjoni. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppreżentata ma jkunx fiha data personali.

6.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistipula mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

Artikolu 27

Trasparenza tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna li jużaw sistemi ta' rakkomandazzjoni għandhom jistabbilixxu fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, b'mod ċar u li jinftiehem, il-parametri ewlenin użati fis-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom, kif ukoll kull alternattiva għar-riċevituri tas-servizz biex jimmodifikaw jew jinfluwenzaw dawk il-parametri ewlenin.

2.   Il-parametri ewlenin imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispjegaw għaliex ċerta informazzjoni hija ssuġġerita lir-riċevitur tas-servizz. Dawn għandhom jinkludu, mill-inqas:

(a)

il-kriterji li huma l-aktar sinifikanti fid-determinazzjoni tal-informazzjoni ssuġġerita lir-riċevitur tas-servizz;

(b)

ir-raġunijiet għall-importanza relattiva ta' dawk il-parametri.

3.   meta jkunu disponibbli diversi għażliet skont il-paragrafu 1 għas-sistemi ta' rakkomandazzjoni li jiddeterminaw l-ordni relattiva tal-informazzjoni ppreżentata lir-riċevituri tas-servizz, il-fornituri ta’ pjattaformi online għandhom ukoll jagħmlu disponibbli funzjonalità li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jagħżlu u jimmodifikaw fi kwalunkwe mument l-għażla ppreferuta tagħhom. Dik il-funzjonalità għandha tkun aċċessibbli direttament u faċilment mit-taqsima speċifika tal-interfaċċa online tal-pjattaforma fejn l-informazzjoni tkun qed tingħata prijorità –.

Artikolu 30

Traċċabbiltà tal-kummerċjanti

1.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandhom jiżguraw li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jużaw dawk il-pjattaformi online biex jippromwovu messaġġi dwar prodotti jew servizzi jew biex joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni jekk, qabel l-użu tas-servizzi tagħhom għal dawk l-iskopijiet, huma jkunu kisbu l-informazzjoni li ġejja, fejn applikabbli lill-kummerċjant:

(a)

l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email tal-kummerċjant;

(b)

kopja tad-dokument tal-identifikazzjoni tal-kummerċjant jew xi identifikazzjoni elettronika oħra kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40);

(c)

id-dettalji tal-kont tal-ħlas tal-kummerċjant;

(d)

meta l-kummerċjant ikun irreġistrat f'reġistru tal-kummerċ jew f'reġistru pubbliku simili, ir-reġistru tal-kummerċ li fih ikun irreġistrat il-kummerċjant u n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu, jew mezzi ekwivalenti ta' identifikazzjoni f'dak ir-reġistru;

(e)

awtoċertifikazzjoni mill-kummerċjant li jimpenja ruħu li joffri biss prodotti jew servizzi li jikkonformaw mar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni.

2.   Malli jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u qabel ma jippermetti lill-kummerċjant ikkonċernat juża s-servizzi tiegħu, il-fornitur ta’ pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu, permezz tal-użu ta' xi bażi tad-data online uffiċjali aċċessibbli mingħajr ħlas jew interfaċċa online li ssir disponibbli minn Stat Membru jew mill-Unjoni jew permezz ta' talbiet lill-kummerċjant biex jipprovdi dokumenti ġustifikattivi mingħand sorsi affidabbli, jagħmel l-almu tiegħu biex jivvaluta jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (e), hix affidabbli u kompluta. Għall-fini ta' dan ir-Regolament, il-kummerċjanti għandhom jinżammu responsabbli għall-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta.

Fir-rigward tal-kummerċjanti li diġà jużaw is-servizzi tal-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fis-17 ta’ Frar 2024, il-fornituri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jiksbu l-informazzjoni elenkata mingħand il-kummerċjanti kkonċernati fi żmien 12-il xahar. Meta kummerċjanti jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni sa dik l-iskadenza, il-fornituri għandhom jissospendu l-forniment tas-servizzi tagħhom lil dawk il-kummerċjanti sakemm jipprovdu l-informazzjoni kollha.

3.   meta l-fornitur tal- pjattaformai online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jikseb biżżejjed indikazzjonijiet jew ikollu raġuni biex jemmen li xi element tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 miksub mingħand il-kummerċjant ikkonċernat ma jkunx preċiż, ikun inkomplut jew ma jkunx aġġornat, dak il-fornitur għandu jitlob lil dak il-kummerċjant jirrimedja dik is-sitwazzjoni mingħajr dewmien jew fil-perjodu ta' żmien stabbilit mil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

Meta l-kummerċjant jonqos milli jikkoreġi jew jikkompleta dik l-informazzjoni, il-fornitur tal-pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti għandu jissospendi malajr il-forniment tas-servizz tiegħu lil dak il-kummerċjant fir-rigward tal-offerta ta' prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni sakemm it-talba tkun ġiet issodisfata bis-sħiħ.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1150, jekk fornitur ta' pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti jirrifjuta li jippermetti lil kummerċjant li juża s-servizz skont il-paragrafu 1, jew jissospendi l-forniment tas-servizz tiegħu skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-kummerċjant ikkonċernat għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment kif previst fl-Artikoli 20 u 21 ta' dan ir-Regolament.

5.   Il-fornitur tal-pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu jaħżen l-informazzjoni miksuba skont il-paragrafi 1 u 2 b'mod sigur għal perjodu ta’ sitt xhur wara t-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali mal-kummerċjant ikkonċernat. Dawn għandhom sussegwentement iħassru l-informazzjoni.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jiżvela biss l-informazzjoni lil partijiet terzi meta jkun meħtieġ f'konformità mal-liġi applikabbli, inkluż l-ordnijiet imsemmija fl-Artikolu 10 kwalunkwe ordni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

7.   Il-fornitur tal-pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu jagħmel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a), (d) u (e) disponibbli fuq il-pjattaforma online tiegħu għar-riċevituri tas-servizz b'mod ċar, aċċessibbli faċilment u komprensibbli. Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mill-inqas fuq l-interfaċċa online tal-pjattaforma online meta l-informazzjoni dwar il-prodott jew is-servizz tiġi ppreżentata.

Artikolu 31

Konformità sa mit-tfassil

1.   Fornituri ta’ pjattaformi online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti għandu jfassal u jorganizza l-interfaċċa online tiegħu b'mod li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi tagħhom rigward l-informazzjoni prekuntrattwali, il-konformità u l-informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodott skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni.

B'mod partikolari, il-fornitur kkonċernat għandu jiżgura li l-interfaċċa online tiegħu tippermetti lill-kummerċjanti jipprovdu informazzjoni dwar l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-email tal-operatur ekonomiku, kif definit fl-Artikolu 3, punt (13) tar-Regolament (UE) 2019/1020 u f'liġi oħra tal-Unjoni.

2.   Fornitur ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti għandu jiżgura li l-interfaċċa online tiegħu hija mfassla u organizzata b'mod li tippermetti lill-kummerċjanti jipprovdu mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni ċara u mhux ambigwa tal-prodotti jew tas-servizzi promossi jew offruti lil konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni permezz tas-servizzi tal-fornituri;

(b)

kwalunkwe sinjal li jidentifika lill-kummerċjant, bħal trademark, simbolu jew logo; u

(c)

fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar it-tikkettar u l-immarkar f'konformità mar-regoli tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar is-sikurezza u l-konformità tal-prodotti.

3.   meta Il-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jivvalutaw jekk tali kummerċjanti jkunux ipprovdew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 qabel ma jippermettilhom joffru l-prodotti jew is-servizzi tagħhom fuq dawk il-pjattaformi. Wara li jippermettu l-kummerċjant joffri prodotti jew servizzi fuq il-pjattaforma online tiegħu li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti, il-fornitur għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex jivverifikaw b'mod aleatorju f'xi bażi tad-data online jew interfaċċa online uffiċjali, aċċessibbli liberament u li tinqara minn magna jekk il-prodotti jew is-servizzi offruti jkunux ġew identifikati bħala illegali.

Artikolu 32

Dritt għall-informazzjoni

1.   meta fornitur ta' pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti jsir konxju, irrispettivament mill-mezzi użati, li prodott jew servizz illegali ġie offrut minn kummerċjant lil konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni permezz tas-servizzi tiegħu, dak il-fornitur għandu jinforma, dment li jkollu d-dettalji ta' kuntatt tagħhom, lill-konsumaturi li jkunu xtraw il-prodott jew is-servizz illegali permezz tas-servizzi tiegħu dwar dan li ġej:

(a)

il-fatt li l-prodott jew is-servizz huwa illegali;

(b)

l-identità tal-kummerċjant; u

(c)

kwalunkwe mezz rilevanti ta' rimedju.

L-obbligu stabbilit fl-ewwel subparagrafu għandu jkun limitat għax-xiri ta’ prodotti jew servizzi illegali li jsir fi żmien sitt xhur qabel il-mument li fih il-fornitur ikun sar konxju tal-illegalità.

2.   meta, fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-fornitur tal-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti ma jkollux id-dettalji ta' kuntatt tal-konsumaturi kollha kkonċernati, dak il-fornitur għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku u aċċessibbli faċilment fuq l-interfaċċa online tiegħu l-informazzjoni dwar il-prodott jew is-servizz illegali, l-identità tal-kummerċjant u kwalunkwe mezz ta' rimedju.

TAQSIMA 5

Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

Artikolu 34

Valutazzjoni tar-riskju

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jidentifikaw, janalizzaw u jivvalutaw b'mod diliġenti kwalunkwe riskju sistemiku fl-Unjoni li jirriżulta mid-disinn jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom u s-sistemi relatati tagħhom, inklużi s-sistemi algoritmiċi, jew mill-użu li jsir mis-servizzi tagħhom.

Huma għandhom iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju sad-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u, mill-inqas darba fis-sena minn hemm 'il quddiem, u fi kwalunkwe każ qabel l-introduzzjoni ta' funzjonalitajiet li x'aktarx ikollhom impatt kritiku fuq ir-riskji identifikati skont dan l-Artikolu. Din il-valutazzjoni tar-riskju għandha tkun speċifika għas-servizzi tagħhom u tkun proporzjonata għar-riskji sistemiċi, b’kont meħud tas-severità u l-probabbiltà tagħhom, u għandha tinkludi r-riskji sistemiċi li ġejjin:

(a)

id-disseminazzjoni ta' kontenut illegali permezz tas-servizzi tagħhom;

(b)

kull effett negattiv reali jew prevedibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, partikolarment id-drittijiet fundamentali għad-dinjità tal-bniedem minquxa fl-Artikolu 1 tal-Karta, għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja minquxa fl-Artikolu 7 tal-Karta, għall-protezzjoni tad-data personali minquxa fl-Artikolu 8 tal-Karta, għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta, għan-non-diskriminazzjoni minquxa fl-Artikolu 21 tal-Karta, għar-rispett għad-drittijiet tat-tfal minquxa fl-Artikolu 24 tal-Karta u għal-livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur minquxa fl-Artikolu 38 tal-Karta;

(c)

kwalunkwe effetti negattiv attwali jew prevedibbli fuq id-diskors ċiviku, il-proċessi elettorali u s-sigurtà pubblika;

(d)

kwalunkwe effett negattiv attwali jew prevedibbli fir-rigward tal-vjolenza sessista, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-minorenni u konsegwenzi negattivi serji għall-benessri fiżiku u mentali tal-persuna.

2.   meta jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom iqisu, b'mod partikolari, jekk u kif il-fatturi li ġejjin jinfluwenzaw xi wieħed mir-riskji sistemiċi msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

id-disinn tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom u kwalunkwe sistema algoritmika rilevanti oħra;

(b)

is-sistemi ta' moderazzjoni tal-kontenut tagħhom;

(c)

it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli u l-infurzar tagħhom;

(d)

is-sistemi għall-għażla u l-preżentazzjoni tar-reklami;

(e)

il-prattiki tal-fornitur relatati mad-data.

Il-valutazzjonijiet għandhom janalizzaw ukoll jekk u kif ir-riskji msemmija fil-paragrafu 1 huma influwenzati mill-manipulazzjoni intenzjonata tas-servizz tagħhom, inkluż b'użu mhux awtentiku bi jew sfruttament awtomatizzat tas-servizz, kif ukoll l-amplifikazzjoni u d-disseminazzjoni potenzjalment rapida u wiesgħa ta' kontenut illegali u ta' informazzjoni li hija inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom.

Il-valutazzjoni għandha tqis aspetti reġjonali jew lingwistiċi speċifiċi, inkluż meta jkunu speċifiċi għal Stat Membru.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippreservaw id-dokumenti ġustifikattivi tal-valutazzjonijiet tar-riskju għal mill-inqas tliet snin wara t-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju, u għandhom, fuq talba, jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.

Artikolu 36

Mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet

1.   meta sseħħ kriżi, il-Kummissjoni, fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' tadotta deċiżjoni li fiha tirrikjedi li fornitur wieħed jew aktar ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jieħdu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

jivvalutaw jekk, u jekk ikun il-każ, sa liema punt u kif, il-funzjonament u l-użu tas-servizzi tagħhom jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal theddida serja kif imsemmi fil-paragrafu 2, jew x'aktarx jikkontribwixxu għaliha;

(b)

jidentifikaw u japplikaw miżuri speċifiċi, effettivi u proporzjonati, bħal kwalunkwe waħda minn dawk previsti fl-Artikolu 35(1) jew l-Artikolu 48(2), biex jipprevjenu, jeliminaw jew jillimitaw kwalunkwe tali kontribuzzjoni għat-theddida serja identifikata skont il-punt (a) ta' dan il-paragrafu;

(c)

jirrapportaw lill-Kummissjoni, sa ċerta data jew f'intervalli regolari speċifikati fid-deċiżjoni, dwar il-valutazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), dwar il-kontenut preċiż, l-implimentazzjoni u l-impatt kwalitattiv u kwantitattiv tal-miżuri speċifiċi meħuda skont il-punt (b) u dwar kwalunkwe kwistjoni oħra relatata ma' dawk il-valutazzjonijiet jew dawk il-miżuri, kif speċifikat fid-deċiżjoni.

Fl-identifikazzjoni u l-applikazzjoni ta' miżuri skont il-punt (b) ta' dan il-paragrafu, il-fornituri tas-servizz għandhom iqisu kif xieraq il-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta.

2.   Għall-fini ta' dan l-Artikolu, kriżi għandha titqies li tkun seħħet meta ċirkostanzi straordinarji jwasslu għal theddida serja għas-sigurtà jew is-saħħa pubblika fl-Unjoni jew f'partijiet sinifikanti tagħha.

3.   Fit-teħid tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

l-azzjonijiet mitluba mid-deċiżjoni jkunu strettament neċessarji, ġustifikati u proporzjonati, b'attenzjoni partikolari għall-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta;

(b)

id-deċiżjoni tispeċifika perjodu raġonevoli li fih ikunu jridu jittieħdu l-miżuri speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), b'attenzjoni partikolari għall-urġenza ta' dawk il-miżuri u ż-żmien meħtieġ biex jitħejjew u jiġu implimentati;

(c)

l-azzjonijiet meħtieġa mid-deċiżjoni jkunu limitati għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur.

4.   Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tieħu l-passi li ġejjin:

(a)

tinnotifika d-deċiżjoni lill-fornituri li lilhom tkun indirizzata d-deċiżjoni;

(b)

tqiegħed id-deċiżjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; u

(c)

tinforma lill-Bord bid-deċiżjoni, tistiednu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwarha, u żżommu infurmat bi kwalunkwe żvilupp sussegwenti relatat mad-deċiżjoni.

5.   L-għażla ta' miżuri speċifiċi li jkunu jridu jittieħdu skont il-paragrafu 1, punt (b), u l-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, għandha tibqa' f'idejn il-fornituri indirizzati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

6.   Il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-fornitur, tidħol fi djalogu mal-fornitur biex tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-fornitur, il-miżuri maħsuba jew implimentati msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), humiex effettivi u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri meħuda mill-fornitur tas-servizzi skont il-paragrafu 1, punt (b) jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3, punti (a) u (c).

7.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, abbażi tar-rapporti msemmija fil-punt (c) ta' dak il-paragrafu u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, inkluża l-informazzjoni li tista' titlob skont l-Artikolu 40 jew 67, b'kont meħud tal-evoluzzjoni tal-kriżi. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Bord dwar dak il-monitoraġġ, mill-inqas ta' kull xahar.

Jekk il-Kummissjoni tqis li l-miżuri speċifiċi maħsuba jew implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b) ma jkunux effettivi jew proporzjonati, hija tista', wara konsultazzjoni mal-Bord, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-fornitur jirrieżamina l-identifikazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri speċifiċi.

8.   Fejn xieraq, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-kriżi, il-Kummissjoni, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' temenda d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, billi:

(a)

tirrevoka d-deċiżjoni u, fejn xieraq, ir-rekwiżit li l-pjattaformi online kbar ħafna jew il-magni tat-tiftix online kbar ħafna jieqfu japplikaw il-miżuri identifikati u implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b), jew it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7, b'mod partikolari meta r-raġunijiet għal dawn il-miżuri ma jkunux għadhom jeżistu;

(b)

testendi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 3, punt (c), b'perjodu ta' mhux aktar minn tliet xhur;

(c)

tqis l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-miżuri, b'mod partikolari l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta.

9.   Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 sa 6 għandhom japplikaw għad-deċiżjoni u għall-emenda tagħha msemmija f'dan l-Artikolu.

10.   Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Bord skont dan l-Artikolu.

11.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq bażi annwali wara l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet skont dan l-Artikolu, u, fi kwalunkwe każ, tliet xhur wara t-tmiem tal-kriżi, dwar l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont dawk id-deċiżjonijiet.

Artikolu 42

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippubblikaw ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 15 mhux aktar tard minn fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u mill-inqas kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem.

2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ppubblikati mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 24(1), jispeċifikaw:

(a)

ir-riżorsi umani li l-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jiddedika għall-moderazzjoni tal-kontenut fir-rigward tas-servizz offrut fl-Unjoni, mqassmin għal kull lingwa uffiċjali applikabbli tal-Istati Membri, inkluż għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16 u 22, kif ukoll għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 20;

(b)

il-kwalifiki u l-kompetenza lingwistika tal-persuni li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a), kif ukoll it-taħriġ u l-appoġġ mogħti lil tali persunal;

(c)

l-indikaturi tal-eżattezza u l-informazzjoni relatata msemmija fl-Artikolu 15(1), punt (e), mqassmin għal kull lingwa uffiċjali tal-Istati Membri.

Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri.

3.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2), il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jinkludu fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-informazzjoni dwar il-medja ta' riċevituri tas-servizz kull xahar għal kull Stat Membru.

4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jittrażmettu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed mat-tlestija, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku mhux aktar tard minn fi żmien tliet xhur wara l-wasla ta' kull rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4):

(a)

rapport li jistabbilixxi r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 34;

(b)

il-miżuri ta' mitigazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 35(1);

(c)

ir-rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4);

(d)

ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu previst fl-Artikolu 37(6);

(e)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-fornitur b'appoġġ għall-valutazzjonijiet tar-riskju u t-tfassil tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

5.   meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jqis li l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni skont il-paragrafu 4 tista' twassal fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali ta' dak il-fornitur jew tar-riċevituri tas-servizz, tista' tikkawża vulnerabbiltajiet sinifikanti għas-sigurtà tas-servizz tagħha, timmina s-sigurtà pubblika jew tagħmel ħsara lir-riċevituri, il-fornitur jista' jneħħi din l-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament. F'dak il-każ, il-fornitur għandu jibgħat ir-rapporti kompluti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, flimkien ma' dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-tneħħija tal-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament.

Artikolu 45

Kodiċijiet ta' kondotta

1.   Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw it-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta volontarji fil-livell tal-Unjoni biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-isfidi speċifiċi li jiġu indirizzati tipi differenti ta' kontenut illegali u riskji sistemiċi, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni b'mod partikolari dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tad-data personali.

2.   meta jirriżulta riskju sistemiku sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 34(1) u dan jikkonċerna diversi pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna, il-Kummissjoni tista' tistieden lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew il-fornituri ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati, u lil fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna oħra, ta’ fornituri ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, ta' pjattaformi online u ta' servizzi intermedjarji oħrajn, kif xieraq, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati rilevanti oħra, biex jieħdu sehem fit-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta, inkluż billi jistabbilixxu impenji biex jittieħdu miżuri speċifiċi ta' mitigazzjoni tar-riskju, kif ukoll qafas ta' rappurtar regolari dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom.

3.   meta jagħtu effett lill-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni u l-Bord u, fejn rilevanti, korpi oħra għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-kodiċijiet ta' kondotta jistabbilixxu l-objettivi speċifiċi tagħhom b'mod ċar, ikun fihom indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex ikejlu l-kisba ta' dawk l-objettivi u jqisu kif xieraq il-ħtiġijiet u l-interessi tal-partijiet interessati kollha, u b'mod partikolari ċ-ċittadini, fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni u l-Bord għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-parteċipanti jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali rispettivi tagħhom dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom, kif imkejla skont l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jkun fihom. L-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni u l-impenji tar-rappurtar għandhom iqisu d-differenzi fid-daqs u fil-kapaċità bejn parteċipanti differenti.

4.   Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jivvalutaw jekk il-kodiċijiet ta' kondotta jissodisfawx l-għanijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 3, u għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw b'mod regolari l-kisba tal-objettivi tagħhom, hekk kif iqisu l-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni li jku fihom. Dawn għandhom jippubblikaw il-konklużjonijiet tagħhom.

Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw ukoll ir-rieżami u l-adattament regolari tal-Kodiċijiet ta' Kondotta.

Fil-każ ta' nuqqas sistematiku ta' konformità mal-Kodiċijiet ta' Kondotta, il-Kummissjoni u l-Bord jistgħu jistiednu lill-firmatarji għall-kodiċijiet ta' kondotta biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa.

Artikolu 50

Rekwiżiti għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament b'mod imparzjali, trasparenti u fil-ħin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom ikollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom, inkluż biżżejjed riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani biex jissorveljaw b'mod adegwat il-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tiegħu jkollu biżżejjed awtonomija fil-ġestjoni tal-baġit tiegħu fil-limiti ġenerali tal-baġit, sabiex ma jaffettwax b’mod negattiv l-indipendenza tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali.

2.   meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jaġixxu b'indipendenza sħiħa. Għandhom jibqgħu ħielsa minn kull influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi awtorità pubblika oħra jew mingħand xi parti privata oħra.

3.   Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fis-sistema ta' superviżjoni u infurzar prevista f'dan ir-Regolament u l-kooperazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħra f'konformità mal-Artikolu 49(2). Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma għandux jipprevjeni l-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju u għandu japplika wkoll mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti proporzjonati tal-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-attivitajiet ġenerali tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, bħan-nefqa finanzjarja jew ir-rapportar lill-parlamenti nazzjonali, dment li dawk ir-rekwiżiti ma jdgħajfux il-kisba tal-objettivi ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 51

Setgħat tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' investigazzjoni li ġejjin, fir-rigward tal-kondotta minn fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom:

(a)

is-setgħa li jitolbu li dawk il-fornituri, u kull persuna oħra li taġixxi għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom li jaf b'mod raġonevoli jkollha konoxxenza ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' dan ir-Regolament, inkluż organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikoli 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu din l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed;

(b)

is-setgħa li jwettqu, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom biex tordna, spezzjonijiet fuq il-post ta' xi stabbiliment li jintuża minn dawk il-fornituri jew minn dawk il-persuni għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom, jew li jitolbu lil awtoritajiet pubbliċi oħra biex jagħmlu dan, biex jeżaminaw, jikkonfiskaw, jieħdu jew jiksbu kopji ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' xi forma, irrispettivament mill-mezz tal-ħżin;

(c)

is-setgħa li jitolbu lil xi membru tal-persunal jew rappreżentant ta' dawk il-fornituri jew dawk il-persuni biex jagħtu spjegazzjonijiet dwar xi informazzjoni relatata ma' suspettat ksur u biex jirreġistraw it-tweġibiet bil-kunsens tagħhom bi kwalunkwe mezz tekniku.

2.   meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' infurzar li ġejjin, fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom:

(a)

is-setgħa li jaċċettaw l-impenji offruti minn dawk il-fornituri b'rabta mal-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament u li jagħmlu dawk l-impenji vinkolanti;

(b)

is-setgħa li jordnaw il-waqfien ta' ksur u, meta xieraq, li jimponu rimedji proporzjonati għall-ksur u meħtieġa biex itemmu l-ksur b'mod effettiv, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom biex tagħmel dan;

(c)

is-setgħa li jimponu multi, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 għal nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(d)

is-setgħa li jimponu pagament perjodiku ta' penali, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 biex jiżguraw li ksur jintemm f'konformità ma' ordni maħruġa skont il-punt (b) ta' dan is-subparagrafu jew għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(e)

is-setgħa li jadottaw miżuri interim, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, biex ikun evitat ir-riskju ta' ħsara serja.

Fir-rigward tal-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom ukoll is-setgħat ta' infurzar stabbiliti f'dawk il-punti fir-rigward tal-persuni l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni maħruġa lilhom skont dak il-paragrafu. Dawn għandhom jeżerċitaw dawk is-setgħat ta' infurzar biss wara li jkunu pprovdew lil dawk il-persuni l-oħra fi żmien xieraq l-informazzjoni rilevanti kollha relatata ma' dawn l-ordnijiet, inkluż il-perjodu applikabbli, il-multi jew il-pagamenti perjodiċi li jistgħu jiġu imposti għal nuqqas ta' konformità, u l-possibbiltajiet ta' rimedju.

3.   meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom, meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat l-oħra kollha skont dan l-Artikolu li jwasslu għall-waqfien ta' ksur u l-ksur ma jkunx ġie rimedjat jew qed ikompli u jkun qed jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta' setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

li jeżiġu li l-korp maniġerjali ta' dawk il-fornituri, mingħajr dewmien żejjed, jeżamina s-sitwazzjoni, jadotta u jippreżenta pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jintemm il-ksur, jiżgura li l-fornitur jieħu dawk il-miżuri, u jirrapporta dwar il-miżuri meħuda;

(b)

meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li fornitur ta' servizzi intermedjarji ma kkonformax biżżejjed mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (a), li l-ksur għadu ma jkunx ġie rimedjat jew qed jitkompla u qed jikkawża ħsara serja, u li dak l-ksur jinvolvi reat kriminali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sigurtà tal-persuni, li jitlob li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat Membru tiegħu tordna r-restrizzjoni temporanja tal-aċċess tar-riċevituri għas-servizz ikkonċernat mill-ksur jew, biss meta dan ma jkunx fattibbli teknikament, għall-interfaċċa online tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji li fuqhom iseħħ il-ksur.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, għajr meta jaġixxi skont it-talba tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 82, qabel ma jippreżenta t-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu, punt (b), ta’ dan il-paragrafu jistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub f'perjodu li ma għandux ikun inqas minn ġimagħtejn, ħalli jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom. Il-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji maħsuba u kull parti terza oħra li turi interess leġittimu għandhom ikunu intitolati biex jieħdu sehem fil-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti. Kull miżura ordnata għandha tkun proporzjonata man-natura, mal-gravità, mar-rikorrenza u mat-tul tal-ksur, mingħajr ma tillimita bla bżonn l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz ikkonċernat.

Ir-restrizzjoni ta' aċċess għandha tkun għal perjodu ta' erba' ġimgħat, soġġetta għall-possibbiltà li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, fl-ordni tagħha, tippermetti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jestendi dak il-perjodu għal perijodi oħra tal-istess tul, soġġetti għal għadd massimu ta' estensjonijiet stabbiliti minn dik l-awtorità ġudizzjarja. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jestendi biss il-perjodu meta, fid-dawl tad-drittijiet u tal-interessi tal-partijiet kollha affettwati minn dik ir-restrizzjoni u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż kull informazzjoni li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji u kull parti terza oħra li tkun uriet interess leġittimu tista' tipprovdilu, jqis li ġew issodisfati ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur ta' servizzi intermedjarji jkun naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm il-ksur;

(b)

ir-restrizzjoni temporanja ma tillimitax indebitament l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz, filwaqt li jitqies l-għadd ta' riċevituri affettwati u jekk jeżistux alternattivi adegwati u aċċessibbli faċilment.

Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu, punti (a) u (b), dawk iż-żewġ kondizzjonijiet ġew issodisfati iżda ma jkunx jista' jibqa' jestendi l-perjodu skont it-tielet subparagrafu, dan għandu jissottometti talba ġdida lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, punt (b).

4.   Is-setgħat elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 3.

5.   Il-miżuri meħuda mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati, filwaqt li jqisu, b'mod partikolari, in-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u t-tul tal-ksur jew tas-suspettat ksur li miegħu jirrelataw dawk il-miżuri, kif ukoll il-kapaċità ekonomika, teknika u operazzjonali tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat, meta rilevanti.

6.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw kondizzjonijiet u proċeduri speċifiċi għall-eżerċizzju tas-setgħat skont il-paragrafi 1, 2 u 3 u għandhom jiżguraw li kwalunkwe eżerċizzju ta' dawk is-setgħat ikun soġġett għal salvagwardji adegwati stipulati fil-liġi nazzjonali applikabbli f'konformità mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. B'mod partikolari, dawk il-miżuri għandhom jittieħdu biss f'konformità mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-drittijiet tad-difiża, inkluż id-drittijiet ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl, u soġġetti għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tal-partijiet affettwati kollha.

Artikolu 55

Rapporti dwar l-attività

1.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapporti annwali dwar l-attivitajiet tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż l-għadd ta' lmenti li jaslu fis-sens tal-Artikolu 53 u ħarsa ġenerali lejn is-segwitu tagħhom. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jagħmlu r-rapporti annwali disponibbli għall-pubbliku f'format li jinqara mill-magni, soġġett għar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 84, u għandhom jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Bord.

2.   Ir-rapport annwali għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-għadd u s-suġġett tal-ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali u tal-ordnijiet għal għoti tal-informazzjoni maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10 minn xi awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva nazzjonali tal-Istat Membru tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat;

(b)

l-effetti mogħtija lil dawk l-ordnijiet, kif ikkomunikati lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali skont l-Artikoli 9 u 10.

3.   meta Stat Membru jkun iddeżinja bosta awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 49, dan għandu jiżgura li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jfassal rapport uniku li jkopri l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha u li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jirċievi l-informazzjoni u l-appoġġ rilevanti kollha meħtieġa għal dak il-għan mingħand l-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati.

TAQSIMA 2

Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

Artikolu 56

Kompetenzi

1.   L-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta' servizzi intermedjarji għandu jkollu setgħat esklużivi għas-sorveljanza u l-infurzar dan ir-Regolament, ħlief għas-setgħat previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha setgħat esklużivi ta' superviżjoni u infurzar tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħat ta' superviżjoni u infurzar ta’ dan ir-Regolament, għajr dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tiegħu, kontra fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna.

4.   Fejn il-Kummissjoni ma tkunx bdiet proċedimenti għall-istess ksur, l-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna għandu jkollu s-setgħat ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament, għajr dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III, fir-rigward ta’ dawk il-fornituri.

5.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jissorveljaw u jinfurzaw id-dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament f'kooperazzjoni mill-qrib.

6.   Fejn fornitur tas-servizzi intermedjarji ma jkollux stabbiliment fl-Unjoni, l-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu jew il-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħat, kif applikabbli, f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 ta' dan l-Artikolu, ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi rilevanti stipulati f’dan ir-Regolament.

7.   meta fornitur tas-servizzi intermedjarji jonqos milli jaħtar rappreżentant legali f'konformità mal-Artikolu 13, l-Istati Membri kollha u, fil-każ ta' fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna, il-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħat ta' superviżjoni u infurzar f'konformità ma' dan l-Artikolu.

Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu l-ħsieb li jeżerċita s-setgħat tiegħu skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha u lill-Kummissjoni, u jiżgura li jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli mogħtija mill-Karta, b'mod partikolari biex jiġi evitat li l-istess kondotta tiġi sanzjonata aktar minn darba għall-ksur tal-obbligi stabbilit f'dan ir-Regolament. Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li teżerċita s-setgħat tagħha skont dan il-paragrafu, hija għandha tinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha dwar dik l-intenzjoni. Wara n-notifika fis-sens ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri oħra ma għandhomx jibdew proċedimenti għall-istess ksur bħal dak imniżżel fin-notifika.

Artikolu 59

Riferiment lill-Kummissjoni

1.   Fin-nuqqas ta' komunikazzjoni fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 58(5), fil-każ ta' nuqqas ta' qbil tal-Bord mal-valutazzjoni jew il-miżuri meħuda jew previsti skont l-Artikolu 58(5), jew fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 60(3), il-Bord jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni, billi jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas it-talba jew ir-rakkomandazzjoni mibgħuta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, il-valutazzjoni minn dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' qbil u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tappoġġa r-riferiment.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kwistjoni fi żmien xahrejn mir-riferiment tal-kwistjoni skont il-paragrafu 1, wara konsultazzjoni mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.

3.   meta, skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tqis li l-valutazzjoni jew il-miżuri investigattivi jew ta' infurzar meħuda jew previsti skont l-Artikolu 58(5) jkunu insuffiċjenti biex jiżguraw l-infurzar effettiv jew inkompatibbli b'mod ieħor ma' dan ir-Regolament, din għandha tikkomunika l-fehmiet tagħha lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord u titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jirrieżamina l-kwistjoni.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jieħu l-miżuri investigattivi jew ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jqis bis-sħiħ il-fehmiet u t-talba għal rieżami mill-Kummissjoni. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rikjedenti jew lill-Bord li jkun ħa azzjoni skont l-Artikolu 58(1) jew (2), dwar il-miżuri meħuda fi żmien xahrejn minn dik it-talba għal rieżami.

Artikolu 63

Kompiti tal-Bord

1.   meta meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 61(2), il-Bord għandu b'mod partikolari:

(a)

jappoġġa l-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet konġunti;

(b)

jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-analiżi tar-rapporti u r-riżultati tal-awditi ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna li jridu jiġu trażmessi skont dan ir-Regolament;

(c)

jagħti opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali f'konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jqis, b'mod partikolari, l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji;

(d)

jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 66 u, jadotta opinjonijiet li jikkonċernaw pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(e)

jappoġġja u jippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' standards, linji gwida, rapporti, mudelli u kodiċi ta' kondotta Ewropej f'kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kif previst f'dan ir-Regolament, inkluż billi joħroġ opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-Artikolu 44, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet emerġenti, fir-rigward ta' kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

2.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u, fejn applikabbli, awtoritajiet kompetenti oħra li ma jimxux mal-opinjonijiet, mat-talbiet jew mar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom adottati mill-Bord għandhom jipprovdu r-raġunijiet għal din l-għażla, flimkien ma' spjegazzjoni dwar l-investigazzjonijiet, l-azzjonijiet u l-miżuri li jkunu implimentaw, meta jirrapportaw skont dan ir-Regolament jew meta jadottaw id-deċiżjonijiet rilevanti tagħhom, kif xieraq.

TAQSIMA 4

Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

Artikolu 65

Infurzar tal-obbligi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna

1.   Għall-finijiet tal-investigazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna mal-obbligi stabbilitii f'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' teżerċita s-setgħat ta’ investigazzjoni stipulati f'din it-Taqsima saħansitra qabel ma' tibda l-proċedimenti skont l-Artikolu 66(2). Hija tista' teżerċita dawn is-setgħat fuq inizjattiva tagħha stess jew wara talba fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kisret id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III jew b'mod sistematiku xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li taffettwa serjament ir-riċevituri tas-servizz fl-Istat Membru tiegħu, jista' jibgħat, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, talba lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-kwistjoni.

3.   Talba skont il-paragrafu 2 għandha tkun debitament motivata u tal-inqas tindika:

(a)

il-punt ta' kuntatt tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat kif previst fl-Artikolu 11;

(b)

deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jissuspetta li l-fornitur tal-pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna kiser dan ir-Regolament, flimkien ma' deskrizzjoni tal-fatti li l-ksur suspettat huwa ta' natura sistemika;

(c)

kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jqis rilevanti, inkluż, fejn xieraq, informazzjoni miġbura fuq inizjattiva tiegħu stess.

Artikolu 66

Bidu ta' proċedimenti mill-Kummissjoni u kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni tista' tibda proċedimenti bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta' deċiżjonijiet skont l-Artikoli 73 u 74 fir-rigward tal-kondotta rilevanti mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna li fil-konfront tiegħu l-Kummissjoni tissuspetta li kiser xi waħda mid-dispożizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

2.   meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din għandha tinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha u lill-Bord permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, kif ukoll lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat.

Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom, mingħajr dewmien żejjed wara li jkunu ġew infurmati dwar il-bidu tal-proċedimenti, jibagħtu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni li jkollhom dwar il-ksur inkwistjoni.

Il-bidu ta' proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu mill-Kummissjoni għandha teħles lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, jew kwalunkwe awtorità kompetenti fejn applikabbli, mis-setgħat ta’ superviżjoni u infurzar previsti f'dan ir-Regolament skont l-Artikolu 56(4).

3.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' investigazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' titlob l-appoġġ individwali jew konġunt ta' kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat mill-ksur suspettat, inkluż il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali li jkunu rċevew tali talba, u, meta jkunu involuti mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, kwalunkwe awtorità kompetenti oħra, għandhom jikkooperaw b'mod sinċier u fil-ħin mal-Kummissjoni u għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna inkwistjoni, għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni, il-persuni u l-bini li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom u f'konformità mat-talba.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord informazzjoni rilevanti kollha dwar l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 67 sa 72 u dwar is-sejbiet preliminari tagħha imsemmija l-Artikolu 79(1). Il-Bord għandu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar dawk is-sejbiet preliminari lill-Kummissjoni fil-perjodu stipulat skont l-Artikolu 79(2). Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe fehma tal-Bord fid-deċiżjoni tagħha.

Artikolu 67

Talbiet għal informazzjoni

1.   Biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista', b'talba sempliċi jew b'deċiżjoni, titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, li jaġixxu għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom u li jaf b'mod raġonevoli li jkollhom konoxxenza ta' informazzjoni relatata mal-ksur suspettat inkluż l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikolu 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu tali informazzjoni f’perjodu raġonevoli.

2.   meta tibgħat talba sempliċi għall-informazzjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li fih għandha tingħata l-informazzjoni, u l-multi previsti fl-Artikolu 74 għall-għoti ta' informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa.

3.   meta l-Kummissjoni titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jagħtu l-informazzjoni permezz ta' deċiżjoni, din għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li matulu trid tingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 74 u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi tal-penali previsti fl-Artikolu 76. Għandha tindika wkoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-fornituri tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernati jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, kumpanniji jew ditti, jew meta ma jkollhom ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba f'isem il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   meta jintalbu mill-Kummissjoni, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet kompetenti oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima.

6.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tkun bagħtet it-talba sempliċi jew id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tibgħat kopja tagħha lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85.

Artikolu 69

Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha taħt din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-post fl-istabbiliment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni, għandhom jingħataw is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew tal-persuna l-oħra kkonċernata;

(b)

jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-forniment tas-servizz ikkonċernat, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta' jew siltiet minn tali kotba jew rekords oħra;

(d)

jesiġu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata jipprovdu aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħhom u spjegazzjonijiet dwarhom u jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija;

(e)

jissiġillaw kwalunkwe bini użat għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata, kif ukoll kotba jew rekords oħra, għall-perjodu u sa fejn ikun meħtieġ għall-ispezzjoni;

(f)

jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata għal spjegazzjonijiet dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet;

(g)

jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal fir-rigward tas-suġġett u tal-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet.

3.   L-ispezzjonijiet jistgħu jsiru bl-assistenza ta' awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72(2), kif ukoll mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Fejn il-preżentazzjoni tal-kotba u r-rekords l-oħra meħtieġa relatati mal-għoti tas-servizz ma tkunx kompluta jew meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet mitluba skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkunu skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mal-preżentazzjoni ta' awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76. F'ħin debitu qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni dwarha.

5.   Waqt l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni, l-awdituri u l-esperti maħtura mill-Kummissjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jirrikjedu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew ta' persuna oħra kkonċernata jipprovdu spjegazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba kummerċjali tagħha, u jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lill-persunal ewlieni tagħhom.

6.   Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna fiżika jew ġuridika oħra kkonċernata għandhom jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data tal-bidu u tindika l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni qabel ma tittieħed dik id-deċiżjoni.

7.   L-uffiċjali, u persuni oħra awtorizzati jew maħtura, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandhom,fuq talba ta’ dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew tal-Kummissjoni, jgħinu b'mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-ispezzjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat elenkati fil-paragrafu 2.

8.   meta l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni jikkonstataw li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew il-persuna l-oħra kkonċernata jopponu spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandu, fuq talba ta' dawk l-uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom u f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, jagħtihom l-assistenza meħtieġa, inkluż, fejn xieraq skont il-liġi nazzjonali, fil-forma ta’ miżuri koerċittivi meħuda minn awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni.

9.   Jekk l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, din l-awtorizzazzjoni għandha tintalab mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ta' dak l-Istat Membru fuq talba tal-uffiċjali u ta' persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Tali awtorizzazzjoni tista' wkoll tintalab bħala miżura ta' prekawzjoni.

10.   meta tkun intalbet l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali adita mill-kawża għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-ispezzjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta twettaq din il-verifika, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat, għal spjegazzjonijiet dettaljati, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tissuspetta ksur ta' dan ir-Regolament, li jikkonċernaw is-serjetà tal-ksur suspettat u li jikkonċernaw in-natura tal-involviment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġuridika nazzjonali ma għandhiex tidħol fil-mertu tal-ħtieġa li ssir l-ispezzjoni u lanqas ma tista' titlob informazzjoni mill-fajl tal-każ tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss.

Artikolu 71

Impenji

1.   Jekk, waqt il-proċedimenti skont din it-Taqsima, il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat joffri impenji biex jiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni tagħmel dawk l-impenji vinkolanti fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernata u tiddikjara li ma hemm l-ebda raġuni oħra għal azzjoni.

2.   meta tintalab jew b'inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista' tiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti meta:

(a)

kien hemm bidla materjali f'xi wieħed mill-fatti li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni;

(b)

meta l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jaġixxi kontra l-impenji tiegħu; jew

(c)

meta d-deċiżjoni tkun ġiet ibbażata fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa pprovduta mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

3.   meta l-Kummissjoni jidhrilha li l-impenji offruti mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat ma jkunux jistgħu jiżguraw konformità effettiva mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament, din għandha tirrifjuta dawk l-impenji f'deċiżjoni motivata meta tikkonkludi l-proċedimenti.

Artikolu 73

Nuqqas ta' konformità

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ta' nuqqas ta' konformità meta ssib li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat ma jkunx konformi ma' wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament;

(b)

il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 70;

(c)

l-impenji magħmula vinkolanti skont l-Artikolu 71.

2.   Qabel ma tadotta d-deċiżjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li beħsiebha tieħu, jew tqis li għandu jieħu l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, sabiex tindirizza b'mod effettiv is-sejbiet preliminari.

3.   Fid-deċiżjoni adottata skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tordna lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità mad-deċiżjoni adottata fis-sens tal-paragrafu 1 f’perjodu raġonevoli speċifikat fiha u biex jipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri li dak il-fornitur beħsiebu jieħu biex jikkonforma mad-deċiżjoni.

4.   Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni deskrizzjoni tal-miżuri li ħa biex jiżgura l-konformità mad-deċiżjoni adottata fis-sens tal-paragrafu 1 mal-implimentazzjoni tagħhom.

5.   meta l-Kummissjoni ssib li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jkunux ġew issodisfati, din għandha tagħlaq l-investigazzjoni b'deċiżjoni. Id-deċiżjoni għandha tapplika b'effett immedjat.

Artikolu 74

Multi

1.   Fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 73, il-Kummissjoni tista' timponi multi fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat li ma jaqbżux is-6 % tal-fatturat dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li dak il-fornitur, intenzjonalment jew b'negliġenza:

(a)

tikser id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament;

(b)

tonqos milli tikkonforma ma' deċiżjoni li tordna miżuri interim skont l-Artikolu 70; jew

(c)

jonqos milli jikkonforma ma' impenn magħmul vinkolanti b'deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 71;

2.   Il-Kummissjoni tista' deċiżjoni li timponi multi fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna fiżika jew ġuridika oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) li ma jaqbżux il-1 % tad-dħul annwali jew tal-fatturat totali dinji fis-sena finanzjarja preċedenti, meta dawn intenzjonalment jew b'negliġenza:

(a)

jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba sempliċi jew talba b'deċiżjoni skont l-Artikolu 67;

(b)

jonqsu milli jwieġbu għat-talba għal informazzjoni b'deċiżjoni fil-perjodu stabbilit;

(c)

jonqsu milli jirrettifikaw informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, mogħtija minn membru tal-persunal, jew jonqsu jew jirrifjutaw li jagħtu informazzjoni kompluta;

(d)

jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 69;

(e)

jonqsu milli jikkonformaw mal-miżuri adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72; jew

(f)

jonqsu milli jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 79(4).

3.   Qabel ma tadotta d-deċiżjoni skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

4.   meta tiffissa l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-rikorrenza tal-ksur u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 2, id-dewmien ikkawżat lill-proċedimenti.

Artikolu 75

Superviżjoni msaħħa ta' rimedji intiżi biex jindirizzaw ksur tal-obbligi previsti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III

1.   meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 73 relatata ma' ksur minn fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna ta' xi waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III, hija għandha tuża s-sistema ta' superviżjoni msaħħa stipulata f'dan l-Artikolu. Meta tagħmel dan, hija għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe opinjoni tal-Bord skont dan l-Artikolu.

2.   Fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 73, il-Kummissjoni għandha titlob lill-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex ifassal pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa li huma biżżejjed biex jintemm jew jiġi rimedjat il-ksur u jittrażmettih, f’perjodu raġonevoli speċifikat fid-deċiżjoni, lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Kummissjoni u lill-Bord. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu impenn li jitwettaq awditu indipendenti skont l-Artikolu 37(3) u (4) dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri l-oħra, u għandhom jispeċifikaw l-identità tal-awdituri, kif ukoll il-metodoloġija, il-kalendarju u s-segwitu tal-awditu. Il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll, fejn xieraq, impenn ta' parteċipazzjoni f'kodiċi ta' kondotta rilevanti, kif previst fl-Artikolu 45.

3.   Fi żmien xahar mill-wasla tal-pjan ta' azzjoni, il-Bord għandu jikkomunika l-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta' azzjoni lill-Kummissjoni. Fi żmien xahar wara li tirċievi dik l-opinjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-miżuri stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni humiex biżżejjed biex itemmu jew jirrimedjaw il-ksur, u għandha tistabbilixxi perjodu raġonevoli għall-implimentazzjoni tiegħu. L-impenn possibbli ta' aderenza mal-kodiċijiet ta' kondotta rilevanti għandu jitqies f'dik id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni. Għal dak il-għan, il-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat għandu jittrażmetti r-rapport tal-awditjar lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed wara li jsir disponibbli, u għandu jżomm lill-Kummissjoni aġġornata dwar il-passi meħuda biex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni. Meta jkun meħtieġ għal dan il-monitoraġġ, il-Kummissjoni tista' titlob lill-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali f'perjodu raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Bord u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali infurmati dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u dwar il-monitoraġġ tiegħu.

4.   Il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri meħtieġa f'konformità ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-Artikolu 76(1), punt (e) u l-Artikolu 82(1), fejn:

(a)

il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jonqos milli jipprovdi pjan ta' azzjoni, ir-rapport tal-awditjar, l-aġġornamenti meħtieġa jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa, fil-perjodu applikabbli;

(b)

il-Kummissjoni tirrifjuta l-pjan ta' azzjoni propost minħabba li tqis li l-miżuri stabbiliti fih mhumiex biżżejjed biex itemmu jew jirrimedjaw il-ksur; jew

(c)

il-Kummissjoni tqis abbażi tar-rapport tal-awditjar, kwalunkwe aġġornament jew informazzjoni addizzjonali pprovduta jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra disponibbli għaliha, li l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni mhijiex biżżejjed biex ittemm jew tirrimedja l-ksur.

Artikolu 76

Pagamenti perjodiċi ta' penali

1.   Il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni li timponi pagamenti perjodiċi ta' penali fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1), kif applikabbli, li ma jkunux jaqbżu l-5 % tal-introjtu medju ta' kuljum jew tal-fatturat dinji fis-sena fis-sena finanzjarja preċedenti għal kull jum, ikkalkulat mid-data maħtura bid-deċiżjoni, sabiex iġġiegħlhom:

(a)

jagħtu informazzjoni korretta u kompluta bħala tweġiba għal deċiżjoni li teżiġi informazzjoni skont l-Artikolu 67;

(b)

jissottomettu ruħhom għal spezzjoni li tkun ordnat b'deċiżjoni skont l-Artikolu 69;

(c)

jikkonformaw ma' deċiżjoni li tordna miżuri interim skont l-Artikolu 70(1);

(d)

jikkonformaw mal-impenji magħmula legalment vinkolanti b'deċiżjoni skont l-Artikolu 71(1);

(e)

jikkonformaw ma' deċiżjoni skont l-Artikolu 73(1), inkluż fejn applikabbli r-rekwiżiti li jkun fiha relatati mal-pjan ta' azzjoni msemmi fl-Artikolu 75.

2.   meta l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) ikun issodisfa l-obbligu maħsub biex ikun infurzat mill-pagament perjodiku ta' penali, il-Kummissjoni tista' tiffissa l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta' penali għal ċifra inqas minn dik skont id-deċiżjoni oriġinali.

Artikolu 82

Talbiet għal restrizzjonijiet tal-aċċess u kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

1.   meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat kollha skont din it-Taqsima biex jitwaqqaf ksur ta' dan ir-Regolament, u l-ksur jippersisti u jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta' setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex jaġixxi skont l-Artikolu 51(3).

Qabel ma tagħmel din it-talba lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub fi żmien li ma għandux ikun inqas minn erbatax-il jum ta' xogħol, u jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom.

2.   meta l-applikazzjoni koerenti ta' dan ir-Regolament tkun teżiġi dan, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi b'inizjattiva tagħha stess, tista' tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti msemmija fl-Artikolu 51(3). Bil-permess tal-awtorità ġudizzjarja inkwistjoni, din tista' tagħmel ukoll osservazzjonijiet orali.

Għall-fini tat-tħejjija tal-osservazzjonijiet tagħha biss, il-Kummissjoni tista' titlob lil dik l-awtorità ġudizzjarja biex tittrażmettilha jew tiżgura t-trażmissjoni lilha ta' kull dokument meħtieġ għall-valutazzjoni tal-każ.

3.   meta qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar kwistjoni li hija diġà s-suġġett ta' deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, dik il-qorti nazzjonali ma għandha tieħu l-ebda deċiżjoni li tmur kontra dik id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-qrati nazzjonali għandhom jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f'kunflitt ma deċiżjoni li beħsiebha tieħu l-Kummissjoni fi proċedimenti li tkun bdiet fl-ambitu ta' dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, qorti nazzjonali tista' tivvaluta jekk huwiex neċessarju li tissospendi l-proċedimenti tagħha. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 267 tat-TFUE.


whereas









keyboard_arrow_down